Xelter storiku li jinsab f’Nru 1, Triq il-Kbira, iż-Żurrieq, reġa’ infetaħ għall-pubbliku wara li l-proprjetà, li kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġiet trasferita b’titolu ta’ kera għal perjodu ta’ ħames snin lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Ix-xelter jokkupa żona ta’ madwar 57 metru kwadru u, permezz ta’ dan it-trasferiment, il-Kunsill Lokali se jkun jista’ jieħu ħsiebu, iżommu u jikkonservah bħala sit ta’ importanza storika u kulturali.
Dan ix-xelter għandu l-potenzjal li jservi bħala spazju edukattiv u komunitarju li jżomm ħajja l-memorja kollettiva tal-pajjiż u jfakkar fl-esperjenzi u s-sagrifiċċji ta’ dawk li għexu ż-żminijiet tal-gwerra.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li l-ftuħ mill-ġdid ta’ dan is-sit huwa eżempju ta’ kif il-wirt storiku jista’ jibqa’ rilevanti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Il-Ministru Bonnici temm jgħid: “Dan il-proġett juri kif, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-entitajiet governattivi u l-kunsilli lokali, nistgħu nagħtu ħajja ġdida lil siti storiċi u nagħmluhom spazji ta’ tagħrif, edukazzjoni u benefiċċju għall-komunità.”
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, Rita Grima, qalet li wara li sar it-tindif meħtieġ, ix-xelter issa jista’ jerġa’ jintuża mill-komunità. “Kuntenti li dan ix-xelter storiku reġa’ ngħata l-ħajja. Issa li sar it-tindif meħtieġ, il-poplu taż-Żurrieq se jkun jista’ jżuru u jgawdih, filwaqt li nkunu nistgħu norganizzaw ukoll attivitajiet fih.”